Pawlu Cremona
Pawlu Cremona | |||
---|---|---|---|
26 Jannar 2007 - 18 Ottubru 2014 ← Ġużeppi Mercieca - Charles J. Scicluna → Dioceses: Arċidjoċesi ta' Malta | |||
Ħajja | |||
Twelid | Valletta, 25 Jannar 1946 (78 sena) | ||
Nazzjonalità | Malta | ||
Edukazzjoni | |||
Alma mater | Università Pontificia San Tommaso d'Aquino | ||
Lingwi | Ingliż | ||
Okkupazzjoni | |||
Okkupazzjoni |
Qassis fil-Knisja Kattolika Isqof Kattoliku |
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
L-Arċisqof Emeritu Mons. Pawl Cremona OP (Valletta, 25 ta' Jannar 1946) huwa patri Dumnikan u kien it-tielet Arċisqof ta' Malta. Huwa ġie ordnat isqof fis-26 ta' Jannar, 2007 fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann. Nhar it-18 ta' Ottubru 2014 tħabbar li l-Papa Frangisku aċċetta r-riżenja tal-Arċisqof Cremona, minħabba raġunijiet ta’ saħħa.
Tfulija
[immodifika | immodifika s-sors]Pawlu Cremona twieled il-Belt Valletta nhar il-25 ta' Jannar 1946, bin Joseph u Josephine imwielda Cauchi. Għandu żewġ ħutu oħra; ħuh ikbar minnu u oħtu iżgħar minnu. Hu ħa l-edukazzjoni primarja tiegħu fl-iskola Montessori l-Belt u kompla l-edukazzjoni sekondarja tiegħu fil-Liċeo.
Patri Dumnikan
[immodifika | immodifika s-sors]Daħal fl-Ordni ta' San Duminku f'Settembru ta' l-1962 u għamel il-Professjoni fl-istess Ordni nhar id-29 ta’ Settembru 1963. Studja l-Filosofija u t-Teoloġija fil-Kulleġġ ta’ San Tumas ta’ Akwinu fil-kunvent tad-Dumnikani tar-Rabat u ġie ordnat saċerdot nhar it-22 ta’ Marzu 1969. Hu studja l-filosofija u t-teoloġija fil-Kulleġġ ta' Tumas ta' Aquino fir-Rabat, mnejn ħa d-dottorat fit-Teoloġija Morali fl-1973 fl-Università Pontifiċja ta' San Tumas ta' Aquino f'Ruma. Hu studja t-teoloġija Morali fl-Università Pontifiċja ta' San Tumas ta' Aquino f'Ruma, fejn kiseb id-Dottorat fl-1973 bit-teżi The Concept of Peace in Pope John XXIII. Sal-1973 hu kien jgħallem it-teoloġija morali fil-Kulleġġ ta' San Tumas ta' Aquino.
Provinċjal u Kappillan
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-Provinċja Dumnikana Cremona serva bħala Provinċjal bejn l-1981 u l-1989. Hu kien kappillan tal-Parroċċa tal-Madonna ta' Fatima fi Gwardamanġa bejn l-1989 u l-1993. Bejn l-1993 u l-1997 kien responsabbli mill-Formazzjoni tan-Novizzi u l-Istudenti Dumnikani fir-Rabat – uffiċċju li reġa’ kellu għal żmien ieħor qasir bejn l-2004 u l- 2005. Fl-2005, Patri Pawl Cremona ġie maħtur bħala Kappillan tal-Parroċċa ta’Ġesù Nazzarenu, f’Tas-Sliema.
Patri Pawl serva wkoll bħala President tal-Konferenza tas-Superjuri Maġġuri bejn l-1984 u l-1987, kien President tal-Kunsill tal-Formaturi tal-Ħajja Reliġjuża bejn l-1993 u l-1995 u kien ukoll delegat ta' l-Arċisqof għall-Ħajja Konsagrata sa mill-1995.
Fl-1994 ingħata l-medalja Pro Ecclesia et Pontefice.
Awtur
[immodifika | immodifika s-sors]Patri Pawl Cremona ppubblika t-teżi tiegħu The Concept of Peace in Pope John XXIII fl-1988 u l-ktieb L-Abort - Ħajja jew Mewt, fl-1978. Ippubblika wkoll il-ktieb Il-Knisja Ikona tat-Trinita Qaddisa kif ukoll, flimkien ma' Patri Ġorġ Frendo, Isqof ieħor Dumnikan, tliet kotba fuq it-temi tat-tliet snin ta' tħejjijia għas-sena 2000 u dwar l-Ewkaristija fis-sena 2000.
Ordinazzjoni Episkopali
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar it-2 ta' Diċembru 2006, in-Nunzju Appostoliku għal Malta Felix del Blanco Prieto ippreżenta lill-Arċisqof il-ġdid lill-Kunsill Presbiterali. L-ewwel messaġġ ta' Cremona kien: "Għalikom jien Isqof, magħkom jien nisrani. Aħna lkoll midinbin, ejja nimxu mixja spiritwali flimkien". Fid-diskors tiegħu, Patri Cremona irringrazzja lil Mons. Ġużeppi Mercieca għax-xogħol siewi tiegħu. Hu wiegħed li se jagħti l-impenn kollu tiegħu f'din il-kariga bil-limitazzjonijiet kollha tiegħu. Patri Cremona appella lill-kulħadd sabiex jitlob għalih biex iwettaq u jaqdi l-kariga l-ġdida tiegħu bl-aħjar mod. Hu qal li matul il-kariga, huwa se jaħdem biex iservi ta' medjatur biex iressaq in-nies aktar viċin ta' xulxin u jkun aktar viċin tal-poplu Nisrani.
L-aħbar tal-ħatra ta' Patri Pawl Cremona kienet sorpriża għall-maġġoranza tal-Maltin. Is-simpatija naturali tiegħu għamlitu mill-ewwel maħbub mal-Maltin.
Huwa ġie ordnat isqof fis-26 ta' Jannar, fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann 2007 mill-Arċisqof Emeritus Ġużeppi Mercieca; u mill-ko-konsagranti: in-Nunzju appostoliku Felix del Blanco Prieto u mill-Isqof George Anthony Frendo OP, ħabib antik ta' Mons. Cremona, u Isqof awżiljari fl-Arċidjoċesi ta' Tirana-Duress fl-Albanija.
Fl-Ordinazzjoni tiegħu bħala Isqof, nhar is-26 ta' Jannar 2007, Mons. Pawl Cremona kien liebes l-alba ta' Papa Ġwanni XXIII li rregalalu s-Segretarju tal-Papa, Loris Capovilla. Fl-omelija tiegħu dakinhar, Cremona qal hekk:
“ Jiena nixtieq li jkunu tiegħi xi wħud mill-proponimenti li għamel il-Beatu Papa Ġwanni XXIII fl-irtir tal-Konsagrazzjoni Episkopali tiegħu fl-1925. Naħseb tafu li din l-alba li jiena qed nilbes illum kienet tal-Papa Ġwanni XXIII, li jiena qed nilbes b’tant biża u tant venerazzjoni. Il-Papa qal hekk: 'Jiena ma fittixtx jew xtaqt dan il-ministeru tiegħi; il-Mulej għażilni… imiss lilu li jgħatti n-nuqqasijiet tiegħi, u jimla l-limitazzjonijiet tiegħi…. Jiena nħoss u naf li jien bla saħħa u mhux kapaċi, raġuni oħra biex nibqa’ umli, ħafna ħafna umli. Jien irrid li nkun kollni u totalment għal Alla, mimli bid-dawl tiegħu, niddi bl-imħabba għal Alla u għall-erwieħ tal-bnedmin.'
Jalla l-ministeru tiegħi jkun wieħed ta’ Rikonċiljazzjoni fil-kelma u fl-għemil; u l-predikazzjoni tiegħi mhux fil-persważjoni tal-kliem ta’ l-għerf uman, iżda fil-wirja ta’ l-ispirtu u l-qawwa; u l-awtorità li ġiet mogħtija lili mill-Knisja, qatt ma tiġi wżata għall-glorja tiegħi – użata mhux biex tkisser iżda biex tibni… ”
Suċċessjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Mons. Cremona issuċċeda lil Mons. Ġużeppi Mercieca, li serva ta' Arċisqof mid-29 ta' Novembru, 1976, sat-2 ta' Diċembru, 2006 meta dan tal-aħħar laħaq l-età tal-irtirar.
Ko-Konsagrant
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar l-24 ta' Mejju 2009, Mons. Pawl Cremona kien il-ko-konsagrant ewlieni tal-Isqof Malti Joseph Spiteri, li ntbagħat Nunzju Appostoliku fi Sri Lanka.
Ħidma bħala Arċisqof
[immodifika | immodifika s-sors]Huwa aġġorna l-proċedura tal-investigazzjoni ta' każijiet ta' abbużi sesswali biex ma jkunx hemm dewmien.
Stinka biex jonqos iż-żmien ta' stennija fit-Tribunal Ekkleżjastiku, kif fil-fatt ġara ħlief f'każijiet meta jkun hemm bżonn ta' parir ta' esperti minn barra mit-Tribunal.
Introduċa d-djakonat permanenti f'Malta.
Ta struzzjonijiet biex it-trabi kollha jitgħammdu flimkien f'quddiesa apposta minflok ma ssir magħmudija tat-trabi bil-bibien tal-knisja magħluqa jew wara l-altar.
Ħa interess personali fil-formazzjoni tas-seminaristi, b'laqgħat regolari individwali ma' kull wieħed minnhom, u żjarat fis-seminarju. Dan minbarra li introduċa laqgħat bejn it-tmexxija tas-seminarju u l-fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta' Malta.
Introduċa wkoll il-laqgħa tal-Konferenza Episkopali regolarment kull xahar.
Wessa' l-involviment tal-lajċi fit-tmexxija tad-djoċesi bħala delegati tiegħu minħabba li, sakemm laħaq hu, id-Delegati tal-Arċisqof kienu jkunu kważi dejjem qassisin.
Kompla jimplimenta dak li qal is-Sinodu Djoċesan u introduċa strutturi ġodda għall-oqsma dfferenti tal-ħidma pastorali.
Fil-qasam tal-midja tal-Knisja, approva proġetti ta' ristrutturazzjoni u ħa d-deċiżjonijiet neċessarji biex l-entitajiet tal-midja jaġġornaw ruħhom għall-isfidi tal-era diġitali. Kien strumentali biex jitwaqqaf il-portal tal-aħbarijiet tal-Knisja bi struttura ġdida tal-kamra tal-aħbarijiet tal-RTK, u biex il-Media Centre tal-Knisja tiġi ristrutturata.
Għamel żjajjar pastorali fis-70 parroċċa ta’ Malta kollha kemm huma. Żjajjar bħal dawn kienu ilhom ma jsiru għexieren ta’ snin. Matulhom, minbarra li ltaqa’ ma’ ħafna nies li huma nvoluti fl-appostolat, mas-saċerdoti kollha wieħed wieħed, mal-komunitajiet reliġjużi kollha, u mal-membri tas-soċjetà ċivili, żar ukoll l-iskejjel primarji kollha u lil madwar 250 familja u morda, qaddes u ltaqa’ man-nies taż-żoni, u ltaqa’ individwalment ma ‘l fuq minn 300 persuna.
Ippropona lill-parroċċi evanġelizzazzjoni permezz ta’ gruppi żgħar li jiltaqgħu qrib ta’ fejn jgħixu 'l familji.
Kien ikollu laqgħat u diskussjonijiet informali u regolari fi gruppi żgħar ma' żgħażagħ li tbegħdu mis-sagramenti u mill-Knisja.
Għamel ukoll numru ta’ omeliji li jwasslu messaġġ uman u soċjali, b’riflessjonijiet spiritwali li tkun qed twassal il-Knisja mad-dinja.
Parroċċi ġodda
[immodifika | immodifika s-sors]Fi żmien l-episkopat ta' Mons. Pawl Cremona saret parroċċa waħda ġdida:
- Il-Parroċċa tas-Swatar iddedikata lil San Ġorġ Preca (8 ta' Novembru 2008)
Il-kwistjoni tal-liġi tad-divorzju
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar is-6 ta' Lulju 2010, l-Arċisqof Pawl Cremona stqarr li l-Private Member’s Bill li ppreżenta dakinhar id-Deputat Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando fil-Parlament kienet bħal sajjetta fil-bnazzi, peress li l-kwistjoni tad-dħul tad-divorzju ma saritx referenza għaliha fil-manifest elettorali taż-żewġ partiti l-kbar matul il-kampanja elettorali tal-aħħar Elezzjoni Ġenerali. Meta kien qed jitkellem fi programm radjufoniku fuq l-istazzjon tal-Knisja, l-Arċisqof Cremona qal li hemm lok fejn wieħed jista’ jiddiskuti r-relazzjoni bejn il-Membri Parlamentari u l-poplu. Qal li “l-Membri Parlamentari kienu eletti mill-poplu fuq il-bażi ta’ dak li kien imwiegħed minnhom. Fl-aħħar elezzjoni kellna partit partikolari li kien favur id-divorzju, madankollu l-partiti l-kbar m’għamlu ebda referenza għal din il-kwistjoni”. L-Arċisqof qal li l-Knisja dejjem kienet konsistenti fil-pożizzjoni tagħha kontra d-divorzju, peress li minn dejjem riedet żwiġijiet stabbli, li huma l-aħjar ħaġa għas-soċjetà. “Anke l-istat għandu jaħdem biex ikollna żwiġijiet aktar b’saħħithom,” qal l-Arċisqof. Qal li jekk id-divorzju ma jidħolx hemm min se jbati, però jekk dan jiġi legalizzat hemm min se jbati wkoll. Barra minn Malta fejn id-divorzju huwa legalizzat, jiġru ħafna każijiet fejn ikun hemm xi ħadd mill-koppja li jitlaq biex jibda relazzjoni ma’ persuna oħra. “Għalhekk, jekk id-divorzju jkun legalizzat aħna nkunu qegħdin ngħidu lil dik il-persuna biex jekk trid titlaq u tifforma relazzjoni fi żwieġ ma’ persuna oħra.” Dwar jekk il-Membri Parlamentari għandhomx jivvotaw favur jew kontra d-divorzju fil-Parlament, l-Arċisqof qal li jekk dan huwa Kattoliku bilfors li irid jgħaddi minn kunflitt dwar x’għandu jagħmel. Madankollu l-Arċisqof qal li “persuna li hija konvinta mir-reliġjon tagħha trid tivvota għal żwieġ b’saħħtu u stabbli.” Qal li l-Knisja mhux se tagħmel kruċjata kontra d-dħul tad-divorzju, “madankollu l-irwol tagħha huwa li tidħol fid-dibattitu u tagħmel il-pożizzjoni tagħha ċara.” Dwar il-koabitazzjoni, l-Arċisqof qal li l-Knisja hija kontra wkoll, peress li din hija ċirkostanza li twassal għal instabbiltà fost il-familji.
F'Nota Pastorali fis-17 ta' Ottubru 2010, li nqrat fil-parroċċi kollha, l-Arċisqof Cremona u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qaluu li hija l-attitudni tagħna li trid tinbidel, u mhux iż-żwieġ. “Kieku Ġesù kien fostna llum u konna ngħidulu li fid-dinja kollha daħħlu d-divorzju, żgur li ma kinitx tinbidel it-tweġiba tiegħu. Kien jgħid li dak minħabba l-ebusija ta’ qalbna.” Qalu li l-ebda nisrani ma jista’ jippretendi li Ġesù kien iwieġeb li biex insaħħu ż-żwieġ, għandu jidħol id-divorzju. Wara d-divorzju, ma tistax titkellem iktar fuq żwieġ dejjiemi, stabbli, bħalma kien il-pjan ta’ Alla fil-bidu. L-Isqfijiet jgħidu li l-kliem ta’ Ġesù jiġi ppruvat mir-realtà ta’ ħafna pajjiżi. “Daħħlu d-divorzju għax ħasbu li se jsolvu l-problemi madwar il-falliment taż-żwieġ u minflok żdiedu l-problemi. Dan jidher ċar mir-riċerki u l-istatistika.” Qalu li l-Knisja għandha l-missjoni li tqiegħed lil kull membru tagħha quddiem Ġesù u t-tagħlim tiegħu. “B’din in-nota nixtiequ nqiegħdu lil kull nisrani li għażel li jimxi wara Kristu, quddiem Ġesù stess, qisu qigħed jisimgħu llum. Il-kliem ta’ Ġesù għandu jsir id-dawl tal-kuxjenza li fuqha jrid jimxi n-nisrani, issir responsabbiltà morali li jwettaqha. Huwa quddiem Ġesù li n-nisrani jrid jagħti rendikont ta’ kull għemil tiegħu, anke fil-każ taż-żwieġ u d-divorzju.” L-Isqfijiet għamlu sejħa lil kull nisrani biex iwasslu l-kliem ta’ Ġesù. “Fl-istorja tal-Knisja, mumenti bħal dawn kienu importanti biex il-Knisja tikber iktar.”
Ix-xniegħa li se jinħatar Kardinal
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar it-22 t'Awwissu 2010, il-ġurnal Il-Mument ta l-aħbar li "Wara kważi 200 sena ta' stennija, Malta jista' jkollha Kardinal sa tmiem din is-sena. Sorsi barranin qrib il-Vatikan li tkellmu ma' dan is-sit spjegaw kif l-Arċisqof ta' Malta Pawlu Cremona qed ikun kunsidrat b'possibbiltà kbira bħala wieħed minn grupp ta' Kardinali ġodda li l-Papa Benedittu XVI mistenni jaħtar dalwaqt, aktarx bejn Ottubru u Diċembru ta' din is-sena."
Nhar l-20 ta' Ottubru 2010, il-Papa Benedittu ħatar 24 kardinal ġdid. Mons. Pawlu Cremona ma kienx wieħed minnhom.
Riżenja
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar it-18 ta' Ottubru 2014, in-Nunzju Appostoliku għal Malta, Monsinjur Aldo Cavalli ħabbar li l-Papa Frangisku aċċetta r-riżenja tal-Arċisqof Pawlu Cremona. Mons. Cremona rriżenja minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Ir-riżenja daħlet fis-seħħ minn dakinhar stess f’nofsinhar. Mons. Cremona ngħata t-titlu ta’ Arċisqof Emeritu ta’ Malta.
F’ittra bid-data tat-8 t’Ottubru, indirizzata lill-Arċisqof Pawlu Cremona, il-Papa rringrazzja lill-Arċisqof Emeritu għall-ministeru episkopali tiegħu li kien magħruf u apprezzat għall-imħabba pastorali u l-kuntatt uman mill-qrib mal-Poplu ta’ Alla.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, l-Arċisqof Cremona qal li issa jinsab fil-paċi għax jaf li quddiem Alla għamel l-aħjar deċiżjoni. Spjega li ried ikun huwa stess li jwassal il-messaġġ lill-poplu Malti li mhux se jibqa’ Arċisqof, wara li kiteb lill-Papa. Żied jgħid li ħa d-deċiżjoni quddiem Alla għax saħħtu marret lura u jħoss li jkun aħjar li l-Knisja titmexxa minn xi ħaddieħor.L-Arċisqof Cremona ddeskriva bħala unur il-fatt li mexxa l-Knisja Maltija għal kważi tmien snin, fejn irringrazzja lil Alla għan-nies li bagħatlu biex jgħinuh. Qal li f’qalbu ma għandu l-ebda rankur għal ħadd u minn issa stess lest li jgħin lis-suċċessur tiegħu.
Min-naħa tiegħu, l-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna rringrazzja lil Monsinjur Cremona u qallu li kien u jibqa’ xbieha sabiħa ta’ Ragħaj it-Tajjeb. Semma kif bħala Arċisqof kien dejjem qrib it-tbatija tal-poplu Malti u li dejjem il-poplu ammira l-kuraġġ li wera u l-ferħ li ġab. L-Isqof Scicluna awguralu ħajja twila biex il-poplu jkompli jgawdi dan id-don tal-Mulej.
Fi stqarrija l-Prim Ministru Joseph Muscat irringrazzja lill-Arċisqof Cremona għall-ħidma tiegħu. Muscat qal li l-Arċisqof Cremona dejjem żamm ‘il bogħod mill-politika partiġġjana u awgura li l-Arċisqof il-ġdid jagħmel l-istess għall-ġid tal-għaqda nazzjonali. “Huwa b'dispjaċir li ġejt mgħarraf bid-deċiżjoni ta' Monsinjur Pawlu Cremona li jirriżenja minn Arċisqof tal-Arċidjocesi ta' Malta. Ma hemmx l-iċken dubju li l-effet tat-tmexxija ta' Pawlu Cremona fuq il-Knisja Maltija kienet waħda pożittiva, fejn l-umiltà tiegħu magħquda mall-mod sempliċi li bih kien jispjega, ġibdet eluf ta' persuni warajh. Fl-istess ħin, l-interventi tiegħu kienu miżgħuda b' valur intelletwali għoli li jagħti lok għal riflessjoni. Matul it-tmexxija tiegħu, l-Arċisqof Cremona ra li l-Knisja Maltija tintervjeni f'dibattiti pubbliċi ta' importanza, speċjalment fil-qasam soċjali, iżda b'għaqal żamm lil Knisja 'il bogħod mill-politika partiġġjana. Nawgura li s-suċċessur tiegħu jimxi fuq dawn il-passi li jgħinu jġibu għaqda Nazzjonali. Il-bidla fit-tmexxija tal-Knisja f'Malta qed tasal f’waqt sinjifikattiv għal Knisja Kattolika madwar id-dinja, speċjalment fiż-żmien fejn qed jitlaqqa’ s-Sinodu dwar il-Familja, li d-diskussjonijiet fi ħdanu qed jagħtu tama lil ħafna. F'ismi u f'isem il-Gvern u l-poplu, nirringrazzja lil Monsinjur Pawlu Cremona għal ħidma kbira tiegħu u nawguralu dak li tixtieq qalbu,” intqal fi stqarrija mill-Prim Ministru.
Ħoloq Esterni
[immodifika | immodifika s-sors]- Intervista ma' Mons. Cremona fuq TVM - 11 ta' Ġunju 2008
- Artikli fuq l-aħbar tal-ħatra ta' Cremona bħala arċisqof u l-ordinazzjoni
- Paġna fuq l-Arċisqof fis-sit tal-Arċidjoċesi ta' Malta
- L-Impenji settimanali tal-Arċisqof
Predeċessur Ġużeppi Mercieca |
Arċisqof ta' Malta 2006–2014 |
Suċċessur |