Aqbeż għall-kontentut

Chris Fearne

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Chris Fearne
Deputat Prim Ministru ta' Malta

17 Lulju 2017 -
Louis Grech
Minister for Health (en) Translate

28 April 2016 -
Konrad Mizzi
membru tat-13-il Kamra tar-Rappreżentanti ta’ Malta


District: 3 Distrett
Election: Elezzjonijiet Ġenerali 2017
Ħajja
Twelid Ħ'Attard, 12 Marzu 1963 (61 sena)
Nazzjonalità Malta
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Malta
Kulleġġ ta' San Alwiġi
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
kirurgu
tabib
Impjegaturi Università ta' Malta

Christopher Fearne, magħruf bħala Chris Fearne, (twieled f’Ħ'Attard fit-12 ta' Marzu 1963) huwa d-Deputat Prim Ministru ta' Malta u l-Ministru għas-Saħħa attwali. Huwa kirurgu pedjatriku bi professjoni u ħadem bħala Konsulent Kirurgu Pedjatriku fl-isptarijiet tal-gvern.

Bin Frederick, li kien surmast ta' skola u wara kien Direttur tal-Edukazzjoni, u Carmen, li kienet għalliema u ħaddiema soċjali, Fearne studja fil-Kulleġġ ta’ San Alwigi u fl-Università ta’ Malta minn fejn iggradwa fil-mediċina u l-kirurġija pedjatrika fl-1987. Wara sar Sieħeb tal-Kulleġġ Irjali tal-Kirurgi f’Edinburgh u ħadem f’numru ta’ sptarijiet tat-tfal fl-Ingilterra, fosthom f'Liverpool u fi Great Ormond Street, Londra.

Huwa ukoll lettur tal-kirurġija fl-Università ta’ Malta u huwa eżaminatur tat-tobba. Għal perjodu kien ukoll direttur tal-Istitut Malti għall-Edukazzjoni Medika. Għal xi żmien kien l-uniku kirurgu tat-tfal f'Malta.

Impenn soċjali

[immodifika | immodifika s-sors]

Fearne kien iċ-Chairperson tas-Celebrities for Kids, għaqda volontarja favur id-drittijiet tat-tfal.

Meta kien student kien jimpenja ruħu f’numru ta’ għaqdiet, fosthom dawk universitarji, sportivi u politiċi.

Huwa serva għal numru ta’ snin bħala Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni tal-Għaqdiet taż-Żgħażagħ Maltin, kif ukoll bħala uffiċjal fil-Kunsill tal-Istudenti Universitarji, il-KSU, fl-għaqda tal-istudenti tal-mediċina l-MMSA, u fl-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti.

Kien jilgħab il-volleyball mal-Aloysians, għandu Green Belt fil-judo u qadef fir-regatta tal-1986.

Huwa ħareġ mal-Partit Laburista għall-Elezzjonijiet Ġenerali l-ewwel darba f'dawk tal-2013, fuq it-Tielet u r-Raba' Distrett, u kien elett mir-Raba' Distrett bi 3,759 vot. F'April 2014, kien maħtur Segretarju Parlamentari għas-Saħħa wara r-riżenja ta' Godfrey Farrugia.

F'April 2016 kien maħtur Ministru tas-Saħħa u kien konfermat f'din il-kariga wara l-elezzjonijiet ġenerali ta' Ġunju 2017. F'dik l-elezzjoni, huwa kien elett minn żewġ distretti: fit-Tielet Distrett kien elett mal-ewwel għadd u ġab 4,693 vot; u fir-Raba' Distrett kien elett ukoll mal-ewwel għadd u ġab 5,405 vot: b'kollox iktar minn 10,000 vot.

Fl-istess xahar, huwa kkontesta għall-kariga ta' Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet Parlamentari u f'Mejju kien elett f'din il-kariga u sar ukoll Deputat Prim Ministru.

Mill-Ministeru tas-Saħħa, huwa għamel suċċess, tant li l-Kummissjoni Ewropea tat ċertifikat tajjeb lil Malta bħala wieħed mill-aqwa pajjiżi li għandu għajxien f’saħħtu.

Elezzjoni għall-Ħatra ta' Mexxej

[immodifika | immodifika s-sors]

Nhar il-11 ta' Diċembru 2019, Chris Fearne tefa' n-nomina għall-ħatra ta' Mexxej tal-Partit Laburista, f'elezzjoni interna bejn it-tesserati tal-Partit Laburista li saret fil-11 ta' Jannar 2020. Huwa kellu ħafna appoġġ, bħal dak tal-eks President ta' Malta, Marie Louise Coleiro Preca, l-eks Speaker Miriam Spiteri Debono u ħafna mill-ministri u membri parlamentari tal-Kabinett Laburista.

Ħajja personali

[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa miżżewweg lil Astrid imwielda Sammut (bint Joe Sammut li kien Ombudsman) u għandhom tliet ulied; Dawn, Julian u Rafael. Għal xi żmien kien anke t-tabib personali tal-Prim Ministru Dom Mintoff u fl-ewwel Konferenza Ġenerali tal-Partit li fiha tkellem, dik ta' Jannar 2012, wassal l-awguri tiegħu lill-Konferenza.

Huwa sapporter tat-team Ingliż tal-futbol, iċ-Chelsea.